L-Evanġelju tal-Lum (1.4.17)

San Ġwann 7:40-53

Meta xi wħud semgħu kliemu qalu: “Tassew dan hu l-Profeta.” Oħrajn qalu: “Dan hu l-Messija.” Iżda xi wħud qalu: “Mela l-Messija għandu jiġi mill-Galilija? Ma tgħidx l-Iskrittura li l-Messija għandu jiġi min-nisel ta’ David u minn Betlehem, ir-raħal minn fejn kien David?” Hekk in-nies ma qablux bejniethom minħabba fih. Xi wħud minnhom riedu jaqbduh, iżda ħadd ma medd idejh fuqu.

L-għases reġgħu lura għand il-qassisin il-kbar u l-Fariżej, u dawn qalulhom: “Dan kif ma ġibtuhx magħkom? L-għases qalulhom: “Qatt ħadd ma tkellem bħalu, dan il-bniedem!” Qabżu l-Fariżej u qalulhom: “Intom ukoll tqarraqtu? Hemm xi ħadd mill-kapijiet u l-Fariżej li emmen fih?  Imma dawn x’qabda nies misħuta, li l-Liġi ma jafuhiex!” Wieħed minnhom, jismu Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù, qabeż u qalilhom: “Jaqaw il-Liġi tagħna tikkundanna lil xi ħadd qabel ma tisma’ lilu stess ħalli tkun taf x’inhu jagħmel?”U huma qalulu: “M’intix int ukoll mill-Galilija, hux? Fittex fl-Iskrittura, ħalli tara li ebda profeta ma jqum mill-Galilija!” U wieħed wieħed telqu lejn djarhom.

Image result for cristo rupnik

Advertisements

L-Evanġelju tal-Lum (31.3.17)

San Ġwann 7:1-2.10.25-30

Wara dan, Ġesù baqa’ jdur fil-Galilija, għax ma riedx joqgħod idur fil-Lhudija billi l-Lhud kienu qegħdin ifittxu li joqtluh. Kienet qorbot għal-Lhud il-festa ta’ l-Għerejjex. Imma wara li ħutu telgħu għall-festa tela’ hu wkoll, mhux  bid-dieher, imma bil-moħbi. Xi wħud min-nies ta’ Ġerusalemm qalu: “Dan m’huwiex dak li qegħdin ifittxuh biex joqtluh? Araw, b’wiċċu minn quddiem qiegħed jitkellem, u ħadd ma hu jgħidlu xejn. Jaqaw tassew li l-kbarat għarfu li dan hu l-Messija? Imma dan nafu minn fejn hu;  il-Messija, meta jiġi, ħadd ma jkun jaf minn fejn ikun ġej.” Ġesù, huwa u jgħallem fit-tempju, għolla leħnu u qal: “Intom lili tafuni, u tafu wkoll minn fejn jien. Jiena ma ġejtx minn rajja, imma hemm wieħed tassew li bagħatni, wieħed li intom ma tafuhx. Jiena nafu, għax jien minn għandu ġej, u kien hu li bagħatni.” Huma fittxew jaqbduh, iżda ħadd minnhom ma medd idejh fuqu, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx. Ħafna nies emmnu fih u qalu: “Meta jiġi l-Messija se jagħmel sinjali aktar milli qiegħed jagħmel dan?”

Image result for cristo rupnik

L-Evanġelju tal-Lum (30.3.17)

San Ġwann 5:31-47

Kieku jien kelli nagħti xhieda fuqi nnifsi, ix-xhieda tiegħi ma kinitx tkun minnha. Hemm ħaddieħor li jagħti xhieda fuqi, u jiena naf li  x-xhieda li jagħti fuqi hu hi minnha. Intom bgħattu tistaqsu lil Ġwanni, u hu ta xhieda għall-verità. Mhux għax jien għandi bżonn ix-xhieda ta’ bniedem, imma qiegħed ngħidilkom dan  għas-salvazzjoni tagħkom. Għax dak kien musbieħ jixgħel u jiddi, u intom, għal ftit, ridtu tifirħu bid-dawl tiegħu. Iżda jien għandi xhieda akbar minn dik ta’ Ġwanni; għax l-għemejjel li tani l-Missier biex intemmhom, jiġifieri dawn l-istess għemejjel li jiena qiegħed nagħmel, jixhdu għalija li kien il-Missier li bagħatni. U dak li jagħti xhieda fuqi huwa dak stess li bagħatni, il-Missier, li intom la qatt smajtu leħnu u lanqas rajtu l-bixra ta’ wiċċu; u l-kelma tiegħu ma tinsabx fikom, għax intom m’intomx temmnu lil dak li huwa bagħat. Intom tistudjaw l-Iskrittura, għax taħsbu li fiha hemm il-ħajja ta’ dejjem; din tagħti xhieda għalija; u madankollu ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja.

“Jiena ma nieħu ebda glorja mill-bnedmin, imma jiena lilkom nafkom, naf li  l-imħabba ta’ Alla ma tinsabx fikom. Jien ġejt f’isem Missieri, u intom ma lqajtunix; jekk ħaddieħor jiġi f’ismu stess, intom tilqgħuh.  Imma kif jista’ jkun li temmnu, intom li tieħdu l-glorja mingħand xulxin, waqt li xejn ma tfittxu l-glorja li tiġi mingħand Alla waħdu? Xejn la taħsbu li se nkun jien li nakkużakom quddiem il-Missier; dak li jakkużakom huwa Mosè, li fih qegħedtu t-tama tagħkom. Għax kieku kontu temmnu lil Mosè kontu temmnu lili wkoll, għax Mosè fuqi kiteb. Imma jekk intom ma temmnux dak li kitbilkom hu, kif se temmnu dak li ngħidilkom jien?”

Image result for cristo rupnik

L-Evanġelju tal-Lum (29.3.17)

San Ġwann 5:17-30

Imma Ġesù qalilhom: “Missieri għadu jaħdem sa issa; mela naħdem jien ukoll.” U minħabba f’hekk il-Lhud wisq iżjed minn qabel bdew ifittxu li joqtluh, mhux biss għax kien jikser is-Sibt, imma wkoll għax lil Alla kien jgħidlu Missieru u jqis ruħu daqs Alla. Ġesù qabad u qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom li l-Iben ebda ħaġa ma jista’ jagħmel minn rajh jekk ma jarax lil Missieru jagħmilha; għax il-ħwejjeġ li jagħmel il-Missier, jagħmilhom l-Iben ukoll, bħalu. Għax il-Missier lill-Iben iħobbu u jurih kull ma jagħmel, anzi ħwejjeġ akbar minn dawn jurih, ħalli jkollkom biex tistagħġbu. Għax bħalma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil dawk li jrid hu. Il-Missier ma jagħmel ħaqq minn ħadd, imma ħalla f’idejn  l-Iben biex jagħmel il-ħaqq kollu hu, biex kulħadd jagħti ġieħ lill-Iben bħalma jagħti ġieħ lill-Missier; u min ma jagħtix ġieħ lill-Iben anqas ma jagħti ġieħ lill-Missier li bagħtu.

Tassew tassew ngħidilkom li min jisma’ kelmti u jemmen f’min bagħatni għandu l-ħajja ta’ dejjem, u ma jsirx ħaqq minnu, imma għadda mill-mewt  għall-ħajja. Tassew tassew ngħidilkom li tiġi siegħa, anzi issa hi, meta l-mejtin jisimgħu l-leħen ta’ l-Iben ta’ Alla, u dawk li jisimgħuh jgħixu. Għax bħalma l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, hekk ukoll ta lill-Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu, u tah ukoll is-setgħa li jagħmel ħaqq, għax hu Bin il-bniedem. Tistagħġbux b’dan; tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna. “Jiena ma nista’ nagħmel xejn minn rajja; il-ħaqq nagħmlu fuq dak li nisma’, u l-ħaqq li nagħmel jien huwa ġust, għax jien ma nfittixx ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni.”

Image result for cristo rupnik

L-Evanġelju tal-Lum (28.3.17)

San Ġwann 5:1-16

Wara dan, il-Lhud kellhom festa, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. F’Ġerusalemm, maġenb il-menqgħa tal-Bieb tan-Nagħaġ, hemm bini b’ħames loġoġ, li bil-Lhudi jgħidulu Betzata. F’dawn il-loġoġ kienet toqgħod kotra ta’ morda, għomja, zopop u mifluġin. U kien hemm raġel li kien ilu tmienja u tletin sena marid. Ġesù rah qiegħed hemm, u meta sar jaf li kien ilu marid dak iż-żmien kollu qallu: “Trid tfiq?” “Sinjur,” wieġbu l-marid, “ma għandix min jitfagħni fil-menqgħa xħin jitqanqal l-ilma, għax waqt li nkun sejjer jien ħaddieħor jinżel qabli.” Qallu Ġesù: “Qum, aqbad friexek u imxi!” Minnufih dak ir-raġel fieq, qabad friexu u beda miexi.

Dak inhar inzerta kien is-Sibt. Għalhekk il-Lhud qalu lil dak li kien fieq: “Is-Sibt illum, u ma jiswiex iġġorr friexek!” Iżda hu weġibhom: “Dak li fejjaqni qalli, ‘Aqbad friexek u imxi.’ ” Huma staqsewh: “Min hu dan il-bniedem li qallek, ‘Aqbad u imxi’?” Iżda l-imfejjaq ma kienx jaf min kien, għax Ġesù laħaq warrab billi hemmhekk kien hemm ħafna nies. Wara mbagħad Ġesù sabu fit-tempju u qallu: “Ara, issa fiqt, qis li ma tidnibx iżjed, biex ma tiġrilikx xi ħaġa agħar.” Ir-raġel telaq u mar għand il-Lhud jagħtihom l-aħbar li kien Ġesù li fejjqu. Għalhekk il-Lhud ħraxu għal Ġesù, għax f’jum is-Sibt kien jagħmel ħwejjeġ bħal dawn.

Image result for cristo rupnik

L-Evanġelju tal-Lum (27.3.17)

San Ġwann 4:43-54

Wara dawk il-jumejn Ġesù telaq minn hemm lejn il-Galilija; għax Ġesù stess xehed li profeta ma għandux ġieħ f’pajjiżu. Mela meta wasal il-Galilija, il-Galilin laqgħuh tajjeb billi lkoll raw kull ma kien għamel f’Ġerusalemm f’jum il-festa, għax huma wkoll kienu marru għall-festa. U raġa’ ġie f’Kana tal-Galilija, fejn kien biddel l-ilma fi nbid. Issa f’Kafarnahum kien hemm uffiċjal tas-sultan u kellu lil ibnu marid. Meta sama’ li  mil-Lhudija Ġesù kien ġie fil-Galilija, mar għandu jitolbu jinżel u jfejjaqlu lil ibnu, għax kien wasal fl-aħħar. U Ġesù qallu: “Jekk ma tarawx sinjali u għeġubijiet ma temmnux!” Qallu l-uffiċjal: “Inżel Mulej, qabel ma jmutli t-tifel!” Qallu Ġesù: “Mur, ibnek ħaj.” Ir-raġel emmen il-kelma li qallu Ġesù u telaq. Huwa u nieżel, iltaqgħu miegħu l-qaddejja tiegħu u qalulu: “Ibnek ħaj.” Hu staqsiehom xħin kien meta beda jaqleb għall-aħjar, u huma qalulu: “Ilbieraħ fis-seba’ siegħa telqu d-deni.” Il-missier intebaħ li dak kien il-ħin meta Ġesù qallu: ‘Ibnek jgħix,’ u emmen hu u l-familja kollha tiegħu. Dan kien sinjal ieħor, it-tieni wieħed, li għamel Ġesù meta ġie l-Galilija mil-Lhudija.

Related image

L-Evanġelju tal-Lum (24.3.17)

San Mark 12:28b-34

Wieħed mill-kittieba semagħhom jitlewwmu bejniethom, u, meta ra kemm Ġesù kien weġibhom tajjeb, resaq fuqu u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn.” Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha.” Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ‘il bogħod mis-Saltna ta’ Alla.” U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Image result for cristo rupnik